Ispirazzjonijiet Nex-jani, 1.0

3834f1d0210d2644ddd55e0b2bffaa34

Kemm-il darba stqarrejtha fil-pubbliku kif ukoll ma’ ħbieb u segwaċi tiegħi: il-mużika tilgħab parti importanti ħafna waqt il-vjaġġ tiegħi tal-kitba sa mill-ippjanar għal matul il-kitba tal-ewwel draft u l-editjar. Mingħajr mużika nsibha bi tqila nikkonċentra nikteb jew nħażżeż. Ħafna jistagħġbu iżda fil-verita’ nsibha ispirattiva: mill-mużika instrumentali jew klassika sa dik rock u indie hija eleġibbli. Il-playlist personali tiegħi ta’ Spotify f’dawn l-aħħar tliet snin kienet ta’ kumpanija perfetta.

Xi kultant pero’ kanzunetta partikolari teħel fil-garigori ta’ moħħi u litteralment tkun kapaċi tiżra’ żerriegħa għal xi xena li mbagħad issib ruħha f’rumanz. Wasted Hours tal-Arcade Fire hija case in point. Dak il-vers (fl-istampa fuq nett): Wishing you were anywhere but here, you watch the life you’re living disappear, baqa’ stampat f’moħħi kull darba li kont nisma’ d-diska.U iktar ma smajt kliemha ma’ dik il-melodija stupenda tal-band Kanadiża, aktar ħassejthom daqslikieku miktuba apposta għar-rumanz.

Sakemm darba waħda fil-ġenesi ta’ Nex qtajtha li dal-imbierek vers kien jiġbor l-idea li kelli f’moħħi għal kapitlu partikolari: iż-żjara tal-Ispettur Victor Gallo lura għall-għeruq tiegħu. Kliemha nħosshom japplikaw perfettament għas-sens li ħass Gallo f’Kapitlu III (paġni 12 sa 18) ta’ Nex meta huwa jkun l-Italja fuq btala qasira. Tinkwetax mhux ħa niżvela spoilers.

Iktar anedotti Nex-jani fil-jiem li ġejjin …

Leave a comment