Il-Misteru Seguna, delitt f’Ħad-Dingli: l-ewwel parti.

20170103_111214-1

Meta niġi biex nikteb fuq delitt mhux solvut (dawk li bl-Ingliż jissejħu cold cases), ma naqbadx każ kif ġie ġie. Indum u ntella’ liema nħoss li jkun l-iżjed ġust nagħżel. Ir-raġunijiet ikunu dejjem l-istess tnejn: a) għaliex baqa’ stampat f’moħħi anke jekk għaddew ħafna snin jew seħħ qabel żmieni; b) aktar minn hekk għaliex inħoss ma’ kull sena li tgħaddi qed jikber is-sens ta’ inġustizzja mal-familjari tal-vittma li ma jsirx ħaqq. Għaldaqstant nistqarr bla tlaqliq li x-xewqa  ewlenija tiegħi hi li dawn il-kitbiet joffru kontribut ċkejken biex jerġa’ jintefa’ dawl (mill-investigaturi jekk meħtieġ u mill-media in ġenerali wkoll) fuq dawn il-każijiet.

Nhar is-Sibt 12 ta’ Ġunju 1993, tard billejl, inqatel għassies ta’ 32 sena mill-Marsa, Maurice Seguna, dak iż-żmien impjegat mal-Awżiljari (u fl-imgħoddi suldat mal-Forzi Armati), waqt li kien għassa maċ-Ċentru tal-Kompjuters tal-Gvern tas-Swatar f’Ħad-Dingli. Illum dan il-bini huwa skola sekondarja ġdida co-ed li nfetħet f’Settembru li għadda, wara snin twal mitluq u żdingat.

maurcie_seguna

Seguna nqatel bi tliet tiri ta’ senter sparati mill-qrib: żewġ tiri laqtuh f’sidru u l-ieħor ħadu f’kuxxtejh u l-ġenitali tiegħu (hu u nieżel lura għal dahru). Seguna ma mietx mal-ewwel iżda qatta’ xi ħin f’għadira demm u possibilment kien għadu ħaj meta ġiet imsejħa l-ambulanza u ġew infurmati l-Pulizija. Id-delitt seħħ għall-ħabta tal-11.30pm u min sema’ t-tiri ħaseb li kien hemm il-kaċċa għaddejja (anke skont is-suldat li kien fuq ronda mal-binja u li konsegwentament sab lil sieħbu minxur mal-art) u minħabba li kienet lejla sħuna kienet naturali li l-għassies jintasab barra fuq siġġu.

It-teżi ewlenija ta’ kif inqatel Seguna hija li l-qattiel/a resaq lejn ix-xatba taċ-Ċentru b’vettura għolja (Land Rover? Range Rover?) f’żona ftit jew wisq mhux imdawla lejn fejn kien jinsab Seguna. Il-qattiel ħareġ il-kanna mit-tieqa u malli lemaħ lill-vittma joqrob, ħa jara min kien, spara t-tliet tiri. Din it-teżi hija kkorobarata mill-fehma tal-espert ballistiku imqabbad mill-Qorti, il-Brigadier Maurice Calleja, abbażi ta’ żewġ fatturi: i) l-iskrataċ baqgħu qatt ma nstabu mill-Pulizija; ii) it-tiri ġew sparati minn angolazzjoni għolja u mhux livell tal-vittma. Ovvjament il-Pulizija eżaminaw it-teorija l-oħra wkoll li min qatlu kien  moħbi wara l-ilqugħ u malli Seguna sema’ l-ħsejjer fil-ħaxix mar jittawwal ħa jara x’inhu għaddej u ġie wiċċ imbwiċċ mal-qattiel.

Fil-parti li jmiss: il-mottivi mistħarrġa u l-misteru.

Sadanittant min għandu aktar informazzjoni dwar dan il-każ huwa mħeġġeġ jgħaddieha b’mod kunfidenzjali lill-Korp tal-Pulizija fuq in-numri 119 jew 21221111.

Advertisements

One thought on “Il-Misteru Seguna, delitt f’Ħad-Dingli: l-ewwel parti.

  1. Pingback: Il-Misteru Seguna, delitt f’Ħad-Dingli: it-tieni parti. – Kelma bejn tnejn

Leave a Reply

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out / Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out / Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out / Change )

Google+ photo

You are commenting using your Google+ account. Log Out / Change )

Connecting to %s