Fathi Shaqaqi: misteru internazzjonali

20170220_165329-1_1487691641283_resized

Nhar il-Ħamis 26 t’Ottubru 1995 raġel b’passaport Libjan, allegatament imsejjaħ Ibrahim Ali A. Shawesh ta’ 43 sena, inqatel b’ħames tiri f’rasu għall-ħabta tas-siegħa u kwart ta’ waranofsinhar. Huwa nqatel barra l-entratura tal-lukanda Diplomat ġewwa Tas-Sliema, waqt li kien qed jippassiġġa ftit wara l-wasla tiegħu f’Malta dakinhar stess, minn persuna li avviċinah jiġri u li mbagħad ħarab abbord mutur misjuq minn kompliċi. Iżda qabel ħarab il-qattiel kellu s-sangue freddo li jiġbor l-iskrataċ vojta tal-balal. Ovvjament dan mill-ewwel itina x’nifhmu li kien qattiel professjonali. Sorsi oħra jgħidu li l-pistola armata b’silencer kellha apparat li jiġbor il-balal.

20170220_165529-1_1487691646468_resized

Identikit tal-qattiel

20170220_165631-1_1487691647534_resized

Aktar tard il-mutur (misruq) instab abbandunat (bi pjanċi foloz) fi Triq Manwel Dimech ġewwa Tas-Sliema stess.

Għall-ewwel kien maħsub li kien xi negozjant Libjan qiegħed pajjiżna fuq negozju. Iżda l-għada tal-qtil il-Jihad Iżlamiku Palestinjan ħabbret li l-mexxej tagħha Fathi Shaqaqi kien inqatel f’pajjiżna mill-Mossad, is-Servizz Sigriet Iżraeljan (sezzjoni Bayonet) bi tpattija għal attentat li kien inżamm f’Iżrael is-sena ta’ qabel, permezz ta’ żewġ aġenti tiegħu magħrufin biss bil-codenames ta’ Gil u Ran.

20170220_165625-1_1487691648598_resized

Allegatament – għalkemm il-Prim Ministru Iżraeljan ta’ dak iż-żmien Yitzhak Rabin kien stqarr li xejn m’hu mdejjaq b’din l-aħbar – Shaqaqi kien fi triqitu lura minn Tripli fejn kellu laqgħat mal-mexxej Libjan Muammar Gheddafi dwar iffinanzjar għall-Jihad Iżlamiku u Malta kienet biss stopover qabel ikompli lejn Damasku. Fl-istess lukanda kien hemm stazzjonati wkoll iż-żewġ aġenti sigrieti waqt li ankrat barra l-Port il-Kbir, allegatament kien hemm freighter li ġie minn Haifa bl-iskuża (lill-awtoritajiet lokali) li żviluppa ħsarat. Minn din il-lanċa ngħataw l-aħħar struzzjonijiet liż-żewġ qattiela. Fis-snin ta’ wara f’diversi aġenziji tal-aħbarijiet barranin kien irrappurtat li fuq dan il-freighter kien hemm id-Direttur Ġenerali nnifsu tal-Mossad ta’ dak iż-żmien, Shabtai Shavit, jidderieġi l-operazzjoni kollha.

M’hemmx qbil fuq il-wasla u t-tluq tal-qattiela, li ovvjament baqgħu qatt ma nqabdu. għaliex hemm minn sostna li waslu b’titjira dakinhar stess minn Ateni u mbagħad telqu bi speedboat waqt li oħrajn isostnu li twasslu bi speedboat imbagħad tħarrbu bl-istess mod minn Tas-Sliema stess.

Ġurnalist Irlandiż, Don Mullan, jallega li l-għibien misterjuż tal-Piper Lance fl-1995, ħames ġimgħat wara d-delitt, huwa marbut ma’ dan il-każ. Iżda din hija biss spekulazzjoni mhux ippruvata.

Bħal kull misteru internazzjonali ieħor, dan id-delitt huwa kobba mħabbla li probabbli mhu ħa jissolva qatt.

Leave a comment